Mistoqsijiet frekwenti dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Condominium
Skont il-Liġi Sussidjarja 398.01, l-Aġenzjia twettaq tliet funzjonijijiet ewlenin:
- Ir-Reġistratur għandu jżomm reġistru ta’ applikazzjonijiet li jkunu jirreferu għall-amministraturi u r-regoli f’ordni kronoloġiku.
- Notamenti, regoli u dokumenti oħra, li għandhom x’jaqsmu mal-istess condominium għandhom jiġu miżmuma flimkien b’dak il-mod li jitqies xieraq mir-Reġistratur.
- Ir-Reġistratur jista’ jniżżel nota tal-fatt li condominium hu reġistrat f’kolonna għar-rimarki li tifforma parti mir-reġistru msemmi fis-subregolament (1)
Il-funzjonijiet tal-amministratur għandhom jinkludu dan li ġej:
- li jesegwixxi d-deċiżjonijiet tal-laqgħa tal-condomini u li jiżgura l-osservanza tar-regoli li jirregolaw il-condominium;
- li jirregola l-użu tal-partijiet komuni u t-twettiq ta’ servizzi fl-interess komuni, b’dak il-mod li l-condomini kollha żgur ikollhom kull benefiċċju possibbli;
- li jqassam l-ispejjeż skont l-artikolu 11(1), li jiġbor il-kontribuzzjonijiet mingħand il-condomini u, suġġett għall-approvazzjoni tal-laqgħa, li jistabbilixxi u jmexxi floating fund li l-condomini jikkontribwixxu s-sehem tagħhom fih;
- li jwettaq dawk l-atti li jistgħu jenħtieġu għall-preservazzjoni u l-protezzjoni tal-partijiet komuni;
- li jippreżenta l-kontijiet tiegħu quddiem il-condomini f’dawk il-perjodi li dwarhom jista’ jiġi deċiż fil-laqgħa jew hekk kif jista’ jiġi stabbilit fir-regoli li jirregolaw il-condominium;
- li jitlob pretensjonijiet jew jirċievi flejjes jew imgħaxijiet;
- fejn ikun ġie hekk miftiehem skont l-artikolu 14(5), li jmexxi kif meħtieġ biex ikun hemm fis-seħħ assigurazzjoni adegwata tal-condominium; u
- li jwettaq kull ħaġa oħra li tkun anċillari jew li twassal għat-tmexxija sew tal-condominium
Artikolu 15 tal-Liġi jipprovdi illi meta jkun hemm iktar minn tliet condomini, il-laqgħa tal-condomini għandha taħtar amministratur. Jekk il-laqgħa ma tagħmilx dik il-ħatra, il-kwestjoni għandha tiġi riferita għall-arbitraġġ minn condominus wieħed jew iktar u l-amministratur jinħatar mill-arbitru. Meta jkun hemm tliet condomini jew inqas, dawn jamministraw flimkien kemm-il darba ma jiftehmux xort’oħra
Sabiex tissottometti applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ amministratur, trid tiġi sottomessa Formola 1. Id-dokumenti li huma rikjesti meta tiġi preżentata Formola 1 huma dawn:
- Risoluzzjoni
- Pjanta tas-Sit f’każ tal-ewwel reġistrazzjoni ta’ amministratur
Importanti li wieħed jinnota illi l-Formola 1 trid tiġi sottomessa f’żewġ kopji.
F’ laqgħa ġenerali li tissejjaħ għas-sidien kollha tal-condominium fejn trid tiġi iffurmata quorum. Il-quorum ta’ laqgħa jkun l-għadd ta’ condomini li jirrappreżentaw żewġ terzi mill-oqsma. L-amministratur jista’ jiġi appuntat b’maġġoranza sempliċi. Jekk fi żmien nofs siegħa mill-ħin stabbilit għal-laqgħa ma jkunx hemm quorum preżenti, il-laqgħa tibqa’ aġġornata għall-istess jum tal-ġimgħa ta’ wara fl-istess ħin u post jew għal xi jum ieħor u f’dak il-ħin u post ieħor hekk kif l-amministratur jista’ jindika bil-quddiem fl-avviż li jkun qed isejjaħ il–laqgħa, u jekk fil-laqgħa aġġornata jibqa’ ma jkunx hemm quorum fi żmien nofs siegħa mill-ħin stabbilit, il-condominus jew condomini li jkun hemm preżenti jew li jkunu rappreżentati f’dik il-laqgħa għandhom huma nnifishom jagħmlu quorum.
Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-amministratur għandha jew tiġi sottomessa bl-idejn fl-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet jew tintbagħat bil-posta. Id-dokumenti sottomessi għandhom jigu sottomessi f’żewġ kopji, b’kull paġna iffirmata mill-amministratur.
Il-miżata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ amministratur hija ta’ €5 għal kull qasam fi ħdan il-condominium.
Wara r-reġistrazzjoni tal-amministratur, tista’ wkoll tiġi sottomessa applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tar-regoli fejn l-istess ħlas japplika. Il-ħlas jista’ jsir permezz ta’ cheque pagabbli lill—Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet.
l-Formola 1 hija obbligatorja meta tapplika għar-reġistrazzjoni ta’ amministratur għall-ewwel darba, bidla fl-amministratur jew tiġdid tal-amministratur. Il-formola għandha tkun skont ir-rekwiżiti li insibuhom fil-Liġi Sussidjarja 398.01 liema formula trid timtela u tiġi sottomessa f’żewġ kopji, b’kull paġna iffirmata mill-amministratur.
Jekk ikunu tfasslu r-Regoli għall-Condominium, allura Formola 2 trid tiġi sottomessa. Din għandha timtela u tintbagħat f’żewġ kopji.
Ir-Regoli għandhom jiġu ifirmati minn żewġ terzi (2/3) ta’ dawk prezenti għal-laqgħa fuq kull paġna. L-aħħar paġna għandha tikkonsisti minn tabella li tinkludi dettalji sħaħ tas-sidien u cioe’ , in-numru tal-qasam, l-isem tas-sid, in-numru tal-karta tal-identita’ u firma tas-sid.
Ma’ kull applikazzjoni għandha tiġi sottomessa Riżoluzzjoni oriġinali iffirmata mis-sidien.
Meta tirreġistra l-amministratur għall-ewwel darba, l-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn pjanta tas-sit uffiċċjali tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet li tindika b’mod ċar il-post tal-Condominium, iżda dan ma jeħtieġx l-approvazzjoni/firma minn Perit. Din il-pjanta tista’ tiġi ordnata onlajn permezz tal-portal www.landsregistryplans.gov.mt .
Meta jkun hemm iktar minn tliet condomini, il-laqgħa tal-condomini għandha taħtar amministratur. Meta jkun hemm tliet condomini jew inqas, dawn jamministraw flimkien kemm -il darba ma jiftehmux xort’oħra.
Jekk amministratur jrid jirreżenja qabel ma jiskadi l-perjodu tal-ħatra, l-amministratur irid isejjaħ laqgħa biex jiddiskuti l-ħatra ta’ġ amministratur ġdid. Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim jew ma tisejjaħ ebda laqgħa, allura l-amministratur jista’ jirreferi l-kwistjoni għall-arbitraġġ. Ir-reġistru jiġi emendat biss meta r-Reġistratur jiġi notifikat bil-ħatra l-ġdida permezz ta’ sottomissjoni ta’ applikazzjoni ta’ ħatra u bid-dettalji tal-amministratur il-ġdid skont Artikolu 15 tal-Att dwar il-Condominia.
