Skip to content

Informazzjoni Ġenerali u Mistoqsijiet Frekwenti

L-istorja tal-Aġenzija:

Il-kunċett tar-reġistrazzjoni tal-artijiet ġie introdott fl-1982 permezz tal- Att Dwar Ir-Reġistrazzjoni ta’ Artijiet, Kapitolu 296. L-għan ewlieni tal-Att kien “Biex iwaqqaf Reġistru tal-Artijiet biex jirregola ir-reġistrazzjoni ta’ titolu għal art, u biex jipprovdi għal ħwejjeġ li huma inċidentali għal dan u konnessi miegħu.” Ir-Reġistru tal-Artijiet għalhekk ġie stabilit fl-1982. Fl-2019 permezz ta’ Avvizz Legali 4/2019 ġiet stabilita l-Aġenzija ghar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet bħala entita’ li ħadet ir-rwol tar-Reġistru tal-Artijiet.

L-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet hija responsabbli biex twettaq il-funzjonijiet li ġejjin:

(a) twettaq il-funzjonijiet u d-dmirijiet tal-amministrazzjoni pubblika relatati mal-materji li ġejjin:
(i) ir-reġistrazzjoni tal-artijiet, kif regolata bl-Att dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Artijiet
(ii) ir-Reġistrazzjoni tal-Condominia, kif regolata bl-Att dwar il-Condominia:

Iżda li meta dawk il-materji, kif stabbilit f’dan is-subartikolu, ikunu jikkonsistu fi, jew jinkludu l- amministrazzjoni jew l-investimenti ta’ fondi, il-Ministru għandu jaġixxi bi qbil mal-Ministru responsabbli għall-Finanzi fit-teħid tal-imsemmija deċiżjoni;

(b) tassisti lil Ministru, minn żmien għal żmien, responsabbli għal materji relatati mar-Reġistrazzjoni tal-Artijietu mar-Reġistrazzjoni tal-Condominia;
(ċ) taċċerta t-twettiq tal-funzjonijiet u tad-dmirijiet tar-Reġistratur tal-Artijiet maħtur taħt l-Att dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Artijiet.
(d) taqdi l-funzjonijiet kollha tar-Reġistratur tal-Artijiet mogħtija lilu skont l-Att dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Artijiet u kwalunkwe liġi oħra.

Huwa importanti li jiġi innotat li l-funzjoni tal-Aġenzija ghar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet tvarja minn dik tal-Awtorità tal-Artijiet. L-Awtorità tal-Artijiet hija primarjament responsabbli għall-amministrazzjoni tal-artijiet u propjetajiet kollha tal-Gvern. Minn naħa l-oħra, l-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet għandha l-għan li tipprovdi titolu ta’ proprjetà. Dan isir permezz tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà kemm jekk tkun proprjetà tal-gvern jew privata. Għalhekk huwa possibbli li minn żmien għal żmien, l-Awtorità tal-Artijiet tissottometti applikazzjonijiet mal-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet rigward proprjetajiet li għandhom jiġu reġistrati f’isem il-Gvern.

Mistoqsijiet Frekwenti fuq Reġistrazzjoni ta’ Propjeta’

Biex tikkuntattja Uffiċjal tal-Aġenzija, tista’ titlob appuntament permezz ta’ enquirieslandregistry@gov.mt/enquirieslandregistrygozo@gov.mt. It-talba tintbagħat lill-uffiċjal rispettiv biex jiġi ffaċilitat appuntament miegħek.

L-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet tirreġistra:

i. L-Ewwel Reġistrazzjoni tal-propjetajiet
ii. Trasferimenti ta’ propjetajiet
iii. Ipoteki/Waivers u l-kanċellamenti tagħħom
iv. Kawzjonijiet li jikkontestaw sjieda jew drittijiet reali iddikjarati.

Trid tiġi sottomessa Formola E f’żewġ kopji flimkien ma’ pjanta oriġinali tas-sit uffiċjali flimkien ma’ kopja tal-pjanta msemmija, liema pjanta trid tkun immarkata u ffirmata minn perit. Is-sottomissjoni ta’ Formola E tista’ ssir bi ħlas ta’ €30 li tista’ jew tintbagħat bil-posta jew titħallas fl-uffiċċji tagħna.

Preferibbilment u biex jiġi evitat dewmien, il-pagamenti għandhom isiru permezz ta’ cheque jew ħlas bil-card.

Jista’ jkun hemm żewġ każijiet fejn proprjetà trid tiġi rreġistrata:

  1. F’kull area ta’ reġistrazzjoni –

(a) kull  kuntratt  li  jittrasferixxi  l-proprjetà  ta’  beni immobbli, jew xi dritt reali fuq dik il-proprjetà, inklużi opperazzjonijiet  li  għandhom  x’jaqsmu  ma  beni immobbli li jkunu taħt trust, jew li bih xi att li jkollu l-effett li jittrasferixxi l-proprjetà ta’ beni immobbli, jew xi dritt reali fuq dik il-proprjetà, jiġi xolt, imħassar jew revokat, u kull kuntratt li joħloq jew li jibdel xi dritt bħal dak jew li bih xi dritt bħal dak jinqaleb f’xi ieħor minn dawk id-drittijiet jew issir rinunzja għalih, u kull kuntratt li bih beni immobbli jiġu maqsuma, u kull att li jkollu effett dikjaratorju dwar il-proprjetà ta’, jew xi dritt  reali  fuq,  beni  immobbli,  (inkluż  att  magħmul għall-fini  tal-Att dwar it-Taxxa tad-Dokumenti uTraferimenti,  u  inventarju  magħmul  minn trustee li jaċċetta trust testamentarju u dikjarazzjoni unilaterali ta’ trust ta’  proprjetà  addizzjonali  taħt trusts,  iżda eskluż kull att ta’ inventarju ieħor) u kull kuntratt ta’antikresi; u

(b) kull sentenza li biha xi att li jkollu effett li jittrasferixxi l-proprjetà ta’ beni immobbli, jew xi dritt reali fuq dik  il-proprjetà,  jiġi  xolt,  imħassar  jew revokat, jew li tordna t-trasferiment tal-proprjetà ta’beni  immobbli,  jew  ta’  xi  dritt  reali  fuq  dik  il-proprjetà, jew li jkollha l-effett li toħloq ipoteka, u kull ipoteka li tinħoloq bis-saħħa tal-liġi; u

(ċ) kull trasferiment ta’ beni immobbli b’bejgħ bil-qorti, ukull fidi ta’ ċens magħmul skont l-artikolu 1501 tal-Kodiċi Civili,

safejn l-art inkluża fil-kuntratt, sentenza, bejgħ bil-qorti jew fiċ-ċedoli ta’ fidi jew milquta bl-ipoteka tkun qiegħda f’area ta’reġistrazzjoni, m’għandhom f’ebda każ jibdew iseħħu, dwar terzi persuni, sakemm u kemm il-darba t-titolu għall-art trasferita jew milquta, sew favur kemm kontra, bil-kuntratt, bis-sentenza, bil-bejgħ bil-qorti, bil-fidi jew bl-ipoteka kif imsemmi qabel, tkun reġistrata fil-ġurnal bil-mod preskritt.

  1. Bla ħsara għal dak li jipprovdi l-artikolu 17(3), ir-reġistratur jista’, fid-diskrezzjoni tiegħu, bl-istess mod jirreġistra t-titolu għall-artijiet li qegħdin barra minn area ta’ reġistrazzjoni u nklużi f’xi kuntratt, sentenza, bejgħ bil-qorti jew fidi kif intqal qabel jew li jkunu milquta b’xi ipoteka kif intqal qabel u f’kull każ bħal dan hu għandu jagħmel ir-reġistrazzjonijiet xierqa fir-reġistru; u meta art tiġi hekk reġistrata dan l-Att għandu japplika għaliha daqslikieku kienet qiegħda f’area ta’ reġistrazzjoni.

Jista jkun hemm numru ta’ raġunijiet għalfejn propjeta’ ma tkunx reġistrata. Dan jista’ jkun għaliex il-propjeta’:

i) Mhux ġewwa Żona Obbligatorja ta’ Reġistrazzjoni
ii) Il-propjeta’ kienet akkwistata qabel maż-żona saret Żona ta’ Reġistrazzjoni tal-Artijiet;
iii) F’xi ċirkostanzi eċċezzjonali jista’ jkun li t-talba għar-reġistrazzjoni tkun għadha ma tressqetx;
iv) Instabu xi problemi waqt l-ipproċessar tal-applikazzjoni.

Jekk teħtieġ tweġiba mhux uffiċjali, tista’ tissottometti pjanta tas-sit (screenshot ta’ Google Map bi proprjetà in kwistjoni mmarkata tkun biżżejjed) flimkien mal-indirizz tal-proprjetà permezz ta’ email fuq enquirieslandregistry@gov.mt/enquirieslandregistrygozo@gov.mt fejn int tkun tista’ tiġi assistit.

Jekk tkun meħtieġa tweġiba uffiċjali, trid tiġi sottomessa Formola E f’żewġ kopji flimkien ma’ pjanta oriġinali tas-sit uffiċjali flimkien ma’ kopja ta’ dik il-pjanta, liema pjanta għandha tkun immarkata u ffirmata minn perit. Is-sottomissjoni ta’ Formola E tista’ ssir bi ħlas ta’ €30 li tista’ jew tintbagħat bil-posta jew titħallas fl-uffiċċji tagħna.

Preferibbilment u biex jiġi evitat dewmien, il-pagamenti għandhom isiru permezz ta’ ċekk jew ħlas bil-kard.

Jekk proprjetà ma tkunx f’Żona ta’ Reġistrazzjoni normalment din ma tistax tiġi rreġistrata, l-eċċezzjonijiet huma:

i) Reġistrazzjoni fil-parametri ta’ Liġi Sussidjarja 296.13 jew
ii) ikun hemm talba prevalenti minn Avukat/Nutar mogħtija mir-Reġistratur tal-Artijiet jew
iii) deċiżjoni tal-qrati.

Jekk proprjetà tinsab f’Żona ta’ Reġistrazzjoni, tista’ tirreġistraha volontarjament permezz tan-Nutar tiegħek.

Biex tirreġistra l-proprjetà tiegħek, id-dokumenti li ġejjin huma meħtieġa:

i) Id-dokument li juri l-mod kif il-proprjetà ġiet akkwistata, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet huwa att jew testment;
ii) Pjanta uffiċjali tas-sit immarkata u ffirmata minn Perit kif deskritt fl-Avviż Legali 143.2019 (link to LN)
iii) Il-formola rilevanti għandha tiġi ffirmata u approvata minn Nutar li jirrappreżenta lill-klijent

F’dan il-każ Formoli A, B, C jew D jistgħu jiġu sottomessi. Ir-rekwiżiti ta’ kull Formola huma mniżżla fit-taqsima Formoli elenkati f’paġna 1 ta’ dan id-dokument.
Id-dokumenti ta’ hawn fuq għandhom jiġu sottomessi bl-idejn lill-Aġenzija tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet u se jiġu vverifikati biex jiġi żgurat li l-informazzjoni kollha tkun kif meħtieġ. Wara l-validazzjoni, jingħata numru tal-applikazzjoni lis-sottomissjoni u dan jiddaħħal fir-rekords tar-Reġistru. Imbagħad l-applikazzjoni tiġi pproċessata u riferuta lir-Reġistratur tal-Artijiet għal deċiżjoni.

Skont l-Avviż Legali 143.2019, pjanta uffiċjali tas-sit irid ikun fiha l-kriterji li ġejjin sabiex titqies aċċettabbli mill-Aġenzija:
1. Il-pjanta uffiċjali tar-Reġistru tal-Artijiet għandha tikkonsisti mill-pjanta li kellha tkun maħruġa mir-Reġistru tal-Artijiet wara t-13 ta’ Ġunju, 2011. L-iskala tal-pjanta għandha tiġi determinata b’rabta mad-daqs tal-proprjetà.
2. Il-pjanta għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
a) Is-sit u konfigurazzjoni eżatta
b) Id-distanza mill-eqreb kantuniera jew punt fiss ieħor
c) l-area
d) f’kaz ta’ propjeta’ urbana jew żvilupata, il-qisien tal-perimetru;
e) fil-każ ta’ proprjetà rurali mhux mibnija, il-kejl madwar il-perimetru sakemm l-għalqa/art relattiva ma tkunx imdawra minn ħajt li jidher fuq il-pjanta uffiċjali.
f) fil-każ fejn dik il-parti tal-pjanta murija fi skala ogħla minn 1:2500 tippermetti hekk, l-applikant jista’ juża l-pjanta uffiċjali biex jindika n-natura u l-firxa tad-drittijiet ta’ applikant ieħor;
g) il-livell tal-propjeta’ u/jew il-livell tal-bini;
h) f’kaz fejn hemm bżonn pjanti dettaljati addizzjonali, il-pjanti dettaljati għandhom jindikaw:
i. l-iskala li qed tiġi użata u għandha tinkludi jew scale bar vertikali jew horizontali;
ii. il-livell tal-bini mill-iktar livell baxx.
iii. kwalunkwe partijiet u drittijiet komuni fil-livelli kollha li huma gawduti jew li għalihom hija soġġetta l-proprjetà, liema drittijiet jiġu determinati mill-att tat-titolu tal-applikant;
iv. l-imsemmija pjanti għandhom jinkludu wkoll leġġenda fejn il-kulur aħmar jindika li l-applikant huwa s-sid, filwaqt li kull dritt ieħor għandu jkun indikat b’kwalunkwe kulur ieħor li l-applikant jidhirlu xieraq;
v. il-pjanta oriġinali u l-pjanti dettaljati debitament mimlija minn, jew taħt is-superviżjoni tal-perit skont dawn ir-regoli, għandhom jiġu ffirmati b’linka blu, mill-perit li għandu jpoġġi t-timbru uffiċjali tiegħu jew jikteb ismu b’ittri kbar taħt il-firma tiegħu; u
vi. pjanti dettaljati għandhom jiġu sottomessi fuq mill-inqas karta ta’ daqs A3

Pjanta tas-sit uffiċjali tista’ tiġi ordnata permezz tas-sit www.landregistryplans.gov.mt. Filmat fuq l-istess websajt juri kif tordna l-pjanta tas-sit, hija meħtieġa ħlas li jitħallas onlajn bil-card. Il-pjanta tas-sit tintbagħatlek bil-posta jew tista’ tinġabar bl-idejn mill-uffiċċji tagħna mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8am u s-1pm.

Xiri ta’ pjanta jista’ jsir bi ħlas ta’ €6 għal kull pjanta ordnata.

Mal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni lill-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet, in-Nutar jingħata numru ta’ referenza relatat mal-applikazzjoni tiegħek. In-numru jikkonsisti fi prefiss LRA relatat ma’ applikazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni ta’ proprjetà u LRC relatat mar-reġistrazzjoni ta’ Charge segwit minn erba’ ċifri u s-sena tas-sottomissjoni eż. LRA 1234/2024.  Sabiex tistaqsi dwar l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek, għandek bżonn in-numru ta’ referenza pprovdut lin-Nutar tiegħek.

Jekk ikun hemm kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni l-Aġenzija tkun f’kuntatt man-Nutar li ressaq l-applikazzjoni jew il-Perit li ffirma l-pjanti u l-pjanti tas-sit meħtieġa, skont in-natura tal-ħruġ. Huwa imperattiv li ssegwi l-kwistjoni man-Nutar biex tiżgura li l-proċess ikun konkluż.

Tista’ tordna kopja permezz ta’ enquirieslandregistry@gov.mt/enquirieslandregistrygozo@gov.mt li mbagħad tista’ tinġabar bl-idejn bi ħlas. Il-ħlas għal ċertifikat tat-titolu huwa ta’ €5 għal dokument sa 5 paġni fit-tul, kwalunkwe paġni addizzjonali huma ta’ 50ċ kull paġna u jekk id-dokument jinkludi pjanti f’format A3 ikun hemm ħlas addizzjonali ta’ €1 għal kull paġna A3.

Kopji tal-applikazzjonijiet/dokumenti sottomessi jistgħu jintalbu bi ħlas ta’ 50ċ għal kull paġna A4 u €1 għal kull paġna A3.

Tiġi sottomessa Formola E meta tintalab tfittxija uffiċjali fuq proprjetà. Il-formola hija ppreżentata flimkien ma’ pjanta tas-sit. L-għan ta’ Formola E huwa li tinkiseb informazzjoni dwar jekk proprjetà hijiex f’żona ta’ reġistrazzjoni jew le kif ukoll li tikseb kwalunkwe informazzjoni dwar il-proprjetà speċifika jekk tkun diġà rreġistrata mal-Aġenzija.

Sabiex tiċċekkja l-istatus tal-Formola E tiegħek, tista’ tibgħat email fuq enquirieslandregistry@gov.mt/enquirieslandregistrygozo@gov.mt billi tagħti l-indirizz sħiħ tal-proprjetà, isem in-Nutar li ssottometta l-Formola E u d-data ta’ meta din ġiet sottomessa.

L-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet tirreġistra titolu ta’ proprjetà li jista’ jkun Dirett Dominju, l-Utile Dominju jew liberu u frank.

Kiri inklużi Kirjiet Agrikoli mhumiex reġistrabbli fl-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet.

Mistoqsijiet frekwenti dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Condominium

Skont il-Liġi Sussidjarja 398.01, l-Aġenzjia twettaq tliet funzjonijijiet ewlenin:

  1. Ir-Reġistratur   għandu   jżomm   reġistru   ta’ applikazzjonijiet li jkunu jirreferu għall-amministraturi u r-regoli f’ordni kronoloġiku.
  2. Notamenti, regoli u dokumenti oħra, li għandhom x’jaqsmu mal-istess condominium għandhom jiġu miżmuma flimkien b’dak il-mod li jitqies xieraq mir-Reġistratur.

Ir-Reġistratur jista’ jniżżel nota tal-fatt li condominium hu reġistrat f’kolonna għar-rimarki li tifforma parti mir-reġistru msemmi fis-subregolament

Il-funzjonijiet tal-amministratur għandhom jinkludu dan li ġej:

(a) li jesegwixxi d-deċiżjonijiet tal-laqgħa tal-condomini u li jiżgura l-osservanza tar-regoli li  jirregolaw  il-condominium;

(b) li jirregola l-użu  tal-partijiet  komuni u t-twettiq  ta’ servizzi  fl-interess  komuni,  b’dak  il-mod li l-condomini kollha żgur ikollhom kull benefiċċju possibbli;

(ċ) li jqassam l-ispejjeż skont l-artikolu 11(1), li jiġbor il-kontribuzzjonijiet mingħand il-condomini u, suġġett għall-approvazzjoni tal-laqgħa, li jistabbilixxi u jmexxi floating fund li l-condomini jikkontribwixxu s-sehem tagħhom fih;

(d) li jwettaq dawk l-atti li jistgħu jenħtieġu għall-preservazzjoni u l-protezzjoni tal-partijiet komuni;

(e) li jippreżenta l-kontijiet tiegħu quddiem il-condomini f’dawk il-perjodi li dwarhom jista’  jiġi  deċiż  fil-laqgħa jew hekk kif jista’ jiġi stabbilit fir-regoli li jirregolaw il-condominium;

(f) li jitlob pretensjonijiet jew jirċievi flejjes jew imgħaxijiet;

(g) fejn ikun ġie hekk miftiehem skont l-artikolu 14(5), li jmexxi kif meħtieġ  biex ikun hemm  fis-seħħ assigurazzjoni adegwata tal-condominium; u

(h) li jwettaq kull ħaġa oħra li tkun anċillari jew li twassal għat-tmexxija sew tal-condominium

Artikolu 15 tal-Liġi jipprovdi illi meta jkun hemm iktar minn tliet condomini, il-laqgħa tal-condomini għandha taħtar amministratur. Jekk il-laqgħa ma tagħmilx dik il-ħatra, il-kwestjoni għandha tiġi riferita għall-arbitraġġ minn condominus wieħed jew iktar u l-amministratur jinħatar mill-arbitru. Meta jkun hemm tliet condomini jew inqas, dawn jamministraw flimkien kemm-il darba ma jiftehmux xort’oħra.

Sabiex tissottometti applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ amministratur, trid tiġi sottomessa Formola 1. Id-dokumenti li huma rikjesti meta tiġi preżentata Formola 1 huma dawn:

  1. Risoluzzjoni
  2. Pjanta tas-Sit f’każ tal-ewwel reġistrazzjoni ta’ amministratur

Importanti li wieħed jinnota illi l-Formola 1 trid tiġi sottomessa f’żewġ kopji.

F’ laqgħa ġenerali li tissejjaħ għas-sidien kollha tal-condominium fejn trid tiġi iffurmata quorum. Il-quorum ta’ laqgħa jkun l-għadd ta’ condomini li jirrappreżentaw żewġ terzi mill-oqsma. L-amministratur jista’ jiġi appuntat b’maġġoranza sempliċi. Jekk fi żmien nofs siegħa mill-ħin stabbilit għal-laqgħa ma jkunx hemm quorum preżenti, il-laqgħa tibqa’ aġġornata għall-istess jum tal-ġimgħa ta’ wara fl-istess ħin u post jew għal xi jum ieħor u f’dak il-ħin u post ieħor hekk kif l-amministratur jista’ jindika bil-quddiem fl-avviż li jkun qed isejjaħ il-laqgħa, u jekk fil-laqgħa aġġornata jibqa’ ma jkunx hemm quorum fi żmien nofs siegħa mill-ħin stabbilit, il-condominus jew condomini li jkun hemm preżenti jew li jkunu rappreżentati f’dik il-laqgħa għandhom huma nnifishom jagħmlu quorum.

Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-amministratur għandha jew tiġi sottomessa bl-idejn fl-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet jew tintbagħat bil-posta. Id-dokumenti sottomessi għandhom jigu sottomessi f’żewġ kopji, b’kull paġna iffirmata mill-amministratur.

Il-miżata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ amministratur hija ta’ €5 għal kull qasam fi ħdan il-condominium.   Wara r-reġistrazzjoni tal-amministratur, tista’ wkoll tiġi sottomessa applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tar-regoli fejn l-istess ħlas japplika. Il-ħlas jista’ jsir permezz ta’ cheque pagabbli lill—Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet.

Il-Formola 1 hija obbligatorja meta tapplika għar-reġistrazzjoni ta’ amministratur għall-ewwel darba, bidla fl-amministratur jew tiġdid tal-amministratur. Il-formola għandha tkun skont ir-rekwiżiti li insibuhom fil-Liġi Sussidjarja 398.01 liema formula trid timtela u tiġi sottomessa f’żewġ kopji, b’kull paġna iffirmata mill-amministratur.

Jekk ikunu tfasslu r-Regoli għall-Condominium, allura Formola 2 (link to Form) trid tiġi sottomessa. Din għandha timtela u tintbagħat f’żewġ kopji.

Ir-Regoli għandhom jiġu ifirmati minn żewġ terzi (2/3) ta’ dawk prezenti għal-laqgħa fuq kull paġna. L-aħħar paġna għandha tikkonsisti minn tabella li tinkludi dettalji sħaħ tas-sidien u cioe’ , in-numru tal-qasam, l-isem tas-sid, in-numru tal-karta tal-identita’ u firma tas-sid.

Ma’ kull applikazzjoni għandha tiġi sottomessa Riżoluzzjoni oriġinali iffirmata mis-sidien.

Meta tirreġistra l-amministratur għall-ewwel darba, l-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn pjanta tas-sit uffiċċjali tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet li tindika b’mod ċar il-post tal-Condominium, iżda dan ma jeħtieġx l-approvazzjoni/firma minn Perit. Din il-pjanta tista’ tiġi ordnata onlajn permezz tal-portal www.landsregistryplans.gov.mt

Meta jkun hemm iktar minn tliet condomini, il-laqgħa tal-condomini għandha taħtar amministratur. Meta jkun hemm tliet condomini jew inqas, dawn jamministraw flimkien kemm -il darba ma jiftehmux xort’oħra.

Wieħed jista ’jagħżel li jew jikkuntattja liċ-Ċentru Malti tal-Arbitraġġ fi 33, Triq Nofsinhar, il-Belt Valletta jew inkella jfittex parir legali privat.

L-Aġenzija għar-reġistrazzjoni tal-Artijiet ma tagħmilx medjazzjoni f ’kunflitti li jinqalgħu bejn is-sidien.

Jekk amministratur jrid jirreżenja qabel ma jiskadi l-perjodu tal-ħatra, l-amministratur irid isejjaħ laqgħa biex jiddiskuti l-ħatra ta’ġ amministratur ġdid. Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim jew ma tisejjaħ ebda laqgħa, allura l-amministratur jista’ jirreferi l-kwistjoni għall-arbitraġġ. Ir-reġistru jiġi emendat biss meta r-Reġistratur jiġi notifikat bil-ħatra l-ġdida permezz ta’ sottomissjoni ta’ applikazzjoni ta’ ħatra u bid-dettalji tal-amministratur il-ġdid skont Artikolu 15 tal-Att dwar il-Condominia.

Back to top
Land Registry
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.